Mistoqsijiet Frekwenti (FAQs)

Fuq din il-paġna:


Min qed iwettaq din ir-riċerka?

Din ir-riċerka qed titwettaq mill-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) f'kooperazzjoni ma' Verian. Eurofound hija aġenzija tal-Unjoni Ewropea li tiffoka fuq il-mod kif in-nies madwar l-Ewropa qed jgħixu u jaħdmu, u kif dan qed jinbidel maż-żmien.

Eurofound taħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet Ewropej, gvernijiet nazzjonali, organizzazzjonijiet ta' min iħaddem, trade unions, kumpaniji, u ħaddiema bil-għan li jitjieb il-mod kif in-nies jaħdmu fl-Ewropa.

Għal iktar informazzjoni dwar Eurofound, jekk jogħġbok żur is-sit web tagħhom.

Verian hija kumpanija li toffri konsulenza lil klijenti fi gvernijiet, is-settur pubbliku, NGOs u NFPs dwar it-twassil tal-politika pubblika, programmi, servizzi, u komunikazzjonijiet lill-pubbliku. Biex tagħmel dan, Verian tintervista ħafna persuni differenti biex jipprovdu tagħrif kruċjali dwar il-pajsaġġ soċjali, politiku u tan-negozju li qed jinbidel fl-Ewropa.

Għal iktar informazzjoni dwar Verian, jekk jogħġbok żur is-sit web tagħhom.

lura għal fuq


Għaliex ġejt mistieden nieħu sehem?

Għal din ir-riċerka, se jiġu intervistati madwar 50,000 ħaddiem f'iktar minn 30 pajjiż Ewropew. F'kull pajjiż, se jittieħed kampjun billi jiġu segwiti standards xjentifiċi stretti sabiex jiġi żgurat li dan jirrappreżenta l-ħaddiema kollha fil-pajjiż. Il-ħaddiema kollha f'kull pajjiż għandhom probabbiltà magħrufa li mhix żero li jintagħżlu.

Bħala parti minn dak il-proċess, inti ġejt magħżul b'mod każwali biex tieħu sehem. Inti uniku u ma tistax tiġi sostitwit. Jekk ma tiħux sehem, persuni li jaħdmu bħalek jaf ma jkunux jistgħu jiġu rappreżentati kif suppost.

Nixtiequ nassigurawk li m'għandna l-ebda informazzjoni oħra dwarek jew dwar l-unità domestika tiegħek.

lura għal fuq


Għaliex il-fehmiet tiegħi huma importanti?

It-tweġibiet tiegħek se jipprovdu bażi ta' evidenza għat-titjib tal-politiki dedikati biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-impjieg għall-ħaddiema kollha f'pajjiżek u fl-Ewropa kollha.

Għal dan, aħna neħtieġu l-parteċipazzjoni ta' persuni mill-gruppi ta' etajiet u sfondi kollha. Jekk le, l-informazzjoni li niġbru taf ma tkunx rappreżentattiva tal-ħaddiema f'pajjiżek. Sa ċertu punt, inti qed titkellem għan-nom ta' eluf ta' persuni bħalek.

lura għal fuq


X'qed niġi mitlub nagħmel?

Inti għandek bejn 16 u 74 sena u wettaqt xi xogħol bħala impjegat jew ħaddiem għal rasek f'din l-aħħar ġimgħa - anke jekk kien biss għal siegħa waħda, sakemm inti ngħatajt ħlas fil-forma ta' flus jew tħallast b'xi mod ieħor? Jekk tieħu sehem fl-EWCS inti tista' ssemma' leħnek u tirrappreżenta ħaddiema bħalek.

Jekk inti rċevejt ittra tistieden l-unità domestika tiegħek biex tieħu sehem fl-istudju, sempliċement mur fis-sit web u daħħal in-numru uniku u l-password assoċjata li aħna pprovdejna fl-istedina għall-istħarriġ.

F'unitajiet domestiċi fejn iktar minn persuna waħda għandhom bejn 16 u 74 sena u qed jaħdmu, aktar minn membru wieħed li jgħix fid-dar jistgħu jieħdu sehem.

Jekk inti pprovdejtna bl-email u n-numru tat-telefon tiegħek u rċevejt stedina bl-email jew SMS, sempliċement segwi l-link tal-istħarriġ li huwa uniku u aċċessibbli għalik biss.

Il-link tal-istħarriġ se tieħdok direttament għall-istħarriġ online.

Bħala ringrazzjament tal-kontribuzzjoni tiegħek, kull individwu li jlesti l-istħarriġ se jirċievi vawċer bħala rigal. Jekk tippreferi, inti tista' tagħżel ukoll li tagħti l-istess ammont bħala donazzjoni lill-karità.

lura għal fuq


Qed ikolli problemi biex naċċessa l-istħarriġ online. Min jista' jgħini nilloggja?

Jekk inti rċevejt ittra ta' stedina fil-posta, tista' tilloggja billi tuża l-username u l-password inklużi fl-ittra ta' stedina tiegħek. Jekk il-username u l-password tiegħek mhux qed jaħdmu, jekk jogħġbok ikkuntattjana billi tikklikkja fuq Appoġġ fil-qiegħ ta' dan l-iskrin.

Jekk inti ġejt mistieden direttament jew bit-telefown u qbilt li tieħu sehem, inti ma teħtieġx username jew password. Inti ġejt mibgħut email jew SMS b'link għall-istħarriġ u tista' taċċessa l-istħarriġ billi tikklikkja fuq il-link. Jekk ma rċevejtx email jew SMS, jew il-link ma taħdimx, jekk jogħġbok ikkuntattjana billi tikklikkja fuq Appoġġ fil-qiegħ tal-iskrin.

lura għal fuq


Kif nifdi l-inċentiva tiegħi?

Sabiex nirringrazzjawk għall-kontribut tiegħek, inti se tiġi offrut vawċer bħala rigal. Kif tlesti l-kwestjonarju, inti se tiġi ddireġut għas-sit web tar-rigali tagħna, fejn se tkun tista' tagħżel minn firxa ta' vawċers differenti jew li tagħmel donazzjoni lill-karità.

Inti se tuża l-istess informazzjoni tal-login tal-istħarriġ għall-awtentifikazzjoni.

lura għal fuq


X'se jiġri bit-tweġibiet tiegħi?

L-informazzjoni tiegħek se tintuża biex tipprovdi tagħrif għal skopijiet ta' politika u riċerka biss. Billi t-tweġibiet tiegħek jgħinuna nifhmu r-realtajiet tal-ħaddiema kollha fl-Ewropa, dawn iżidu ma' bażi ta' evidenza għat-titjib tal-politiki dedikati biex itejbu l-kwalità tax-xogħol.

Il-mistoqsijiet huma dwar aspetti differenti tal-ħajja tax-xogħol, li jinkludu il-mod kif taħdem, is-sigħat tax-xogħol tiegħek, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-mod kif ix-xogħol jaffettwa saħħtek. Ma teħtieġ l-ebda għarfien speċjali biex twieġeb għall-mistoqsijiet.

Sabiex inwettqu l-istħarriġ sew, aħna se nistaqsuk xi informazzjoni personali. Aħna se niżguraw li t-tweġibiet tiegħek jiġu pproċessati b'mod li ħadd ma jkun jista' jidentifikak personalment minn dak li tgħid. Dan ifisser li t-tweġibiet tiegħek se jiġu miżjuda mat-tweġibiet ta' persuni oħra biex jifformaw ‘sett ta' data’ li se jintuża biex jipprovdi tagħrif għal politika u riċerka.

L-EWCS jipprovdi sett ta' data inkredibbilment rikk li jippermetti analiżi f'diversi oqsma. Dawn huma xi eżempji ta' pubblikazzjonijiet reċenti:

[EN] Privilege or necessity? The working lives of people with multiple jobs
[EN] Gender equality at work
[EN] How your birthplace affects your workplace
[EN] How does employee involvement in decision-making benefit organisations?
[EN] Striking a balance: Reconciling work and life in the EU
[EN] Working conditions in the time of COVID-19: Implications for the future
[EN] Working conditions and workers' health
[EN] Working conditions in a global perspective

lura għal fuq


Tixtieq iktar informazzjoni dwar l-istħarriġ ta' segwitu ta' Eurofound?

Fit-tmiem tal-istħarriġ, inti se tiġi mistoqsi jekk tikkunsidrax tieħu sehem fi stħarriġ ieħor fil-futur organizzat minn Eurofound.

Jekk taqbel, inti se tiġi mitlub għad-dettalji ta' kuntatt tiegħek. Dawn se jinżammu minn Eurofound għal mhux iktar minn sentejn sabiex ikunu jistgħu jikkuntattjawk fil-futur. Għal kwalunkwe stħarriġ ġdid, Eurofound se tikkomunika l-ħin li dan se jeħodlok biex tlestih.

lura għal fuq


Kif se tiġi protetta d-data tiegħi?

Kwalunkwe tweġiba jew informazzjoni li tagħti se tiġi ttrattata bl-ikbar kunfidenzjalità u l-anonomità ta' kull min iwieġeb se tiġi garantita. Id-data kollha li niġbru se tintuża għal skopijiet ta' riċerka biss.

Is-sehem tiegħek huwa kompletament volontarju u inti mhux meħtieġ li jkollok xi għarfien speċjali biex twieġeb għall-mistoqsijiet.

Aħna nieħdu l-kwistjonijiet ta' sigurtà, ħażna, protezzjoni u kunfidenzjalità tad-data bis-serjetà ħafna. Il-proċeduri tas-sigurtà tad-data tagħna huma maħsuba biex inaqqsu r-riskju ta' telf tad-data u biex niżguraw li l-kunfidenzjalità ta' min iwieġeb tkun protetta f'kull waqt.

Għal iktar informazzjoni dwar dan, jekk jogħġbok ara l-avviż tagħna dwar il-protezzjoni tad-data billi ssegwi din il-link.

lura għal fuq


Nixtieq nieħu sehem iżda ma rċevejtx stedina, x'nista' nagħmel?

Il-parteċipanti jiġu magħżula b'mod każwali minn fost l-indirizzi kollha f'pajiżek. Din l-għażla każwali tfisser li persuni ta' etajiet, reġjuni, status soċjali u livelli ta' edukazzjoni differenti se jiġu mistiedna biex jieħdu sehem.

Waqt li aħna napprezzaw sinċerament l-opinjoni tiegħek, inti tista' tieħu sehem fl-EWCS biss jekk inti ġejt mistieden personalment minna.

lura għal fuq


Kif nista' nikseb appoġġ jekk ikolli problemi tas-saħħa u sigurta' jew vjolenza fuq il-post tax-xogħol?

Jekk ikollok xi problemi tas-saħħa u sigurta' jew ta' vjolenza fuq il-post tax-xogħol, toqgħodx lura milli tfittex għajnuna professjonali. Tista' ssib lista ta' helplines u riżorsi ta' informazzjoni fil-pajjiż tiegħek hawn.

lura għal fuq


Lil min nista' nkellem jekk ikolli iktar mistoqsijiet dwar l-EWCS?

Tista' ssib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet l-iktar frekwenti dwar dan l-istħarriġ hawn.

Jekk għad għandek xi mistoqsijiet, jekk jogħġbok ikkuntattjana direttament billi tikklikkja fuq Appoġġ fil-qiegħ ta' dan l-iskrin. Hu ta' pjaċir tagħna li nwieġbu għal kwalunkwe mistoqsija li jista' jkollok.

Aħna se nwieġbuk mill-iktar fis possibbli, normalment fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

lura għal fuq